2 arrestati wara li weġġgħu 2 persuni fil-Ħamrun

Arkivji

Mara weġġgħet gravi u raġel weġġa’ ħafif wara li allegatament ġew aggrediti minn żewġt irġiel ta’ nazzjonalità barranija fil-lejl li għadda fil-Ħamrun.

Il-Pulizija fi stqarrija qalu li ż-żewġt irġiel qed jinżammu arrestati wara l-inċident li seħħ fi Triq Joe Sciberras, għall-ħabta tas-2.30am.

Il-mara li weġġgħet gravi għandha 37 sena filwaqt li r-raġel għandu 32 sena, it-tnejn li huma mill-Moldova u residenti Tal-Pietà. Huma qalu li ġew aggrediti u misruqa minn tliet persuni barranin. L-aggressuri ħarbu minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.

Minn tfittxija li saret mill-Pulizija ġew innutati żewġ persuni suspettużi li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi. Iż-żewġt irġiel, li huma mill-Eritrea, ġew arrestati, fejn ittieħdu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana fejn qegħdin jinżammu għal aktar stħarriġ.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Vjolenti assistiti mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.