2 arrestati minħabba l-konfużjoni f’Gatwick

Żewġ persuni suspettati li kienu wara d-drones li ttajjru fuq l-ajruport ta’ Gatwick f’Londra spiċċaw arrestati mill-Pulizija Ingliża. Iż-żewġ arrestati huma Paul Gait ta’ 47 sena u martu, Elaine Kirk ta’ 54 sena. Konsegwenza tad-drone, l-ajruport ingħalaq għal madwar tliet ijiem.

Iż-żewġ persuni ġew arrestati wara li nstabu f’darhom, il-Ġimgħa għall-ħabta tal-10pm fuq suspett li interropew s-servizzi tal-avjazzjoni ċivili fost akkużi oħra skont stqarrija mill-Pulizija ta’ Sussex. L-akkużi li bihom qed jiġu akkużati għandhom pieni vvarjaw sa massimu għomor il-ħabs jekk jinstabu ħatja skont il-Pulizija.

Reuters spjega kif l-ajruport ta’ Gatwick huwa t-tieni l-ikbar ajruport fl-Ingilterra, u spiċċa kellu jagħlaq ir-runway fi żmien daqshekk bieżel tal-Milied. Tard il-Ġimgħa filgħaxija, il-Pulizija qalu li għamlu xi arresti b’rabta mal-investigazzjoni fl-użu kriminali tad-drones, madanakollu ħadd għadu ma ħa r-responsabbiltà ta’ dan l-aġir li affettwa minn tal-inqas 120,000 persuna l-Erbgħa u l-Ħamis, inkluż persuni Maltin.

Aġġornata: Jerġa’ jinfetaħ l-ajruport ta’ Gatwick

Minkejja li llum l-ajruport kellu jopera fuq l-iskeda normali, wissa lill-passiġġiera li għandhom jistennew l-ittardjar u anke l-ikkanċellar ta’ xi titjiriet.

Ilbieraħ, mara Maltija esprimiet id-diżappunt tagħha peress li hi u ż-żewġ uliedha nqabdu l-Ingilterra u ma jistgħux isibu mezz kif jaslu Malta qabel il-Milied, minħabba l-għeluq tal-ajruport ta’ Gatwick. Il-mara kellha t-titjira tagħha mal-linja EasyJet, u spjegat li l-unika alternattiva oħra li kellha kien li tinżel Malta fit-28 ta’ Diċembru. Sostniet ukoll li t-tijira tal-Air Malta li hemm għal Malta qabel il-Milied tiswa mal-€1,200.

Mara maqbuda l-Ingilterra; appell biex tilħaq tasal Malta sal-Milied

Fi stqarrija, l-Air Malta spjegat li l-każ kien wieħed ta’ sorpriża għal-linja tal-ajru. Spjegat li ħadet deċiżjoni sabiex ma tikkanċellax it-titjiriet iżda tittrasferixxi l-klijenti tagħha għal titjira li kellha titlaq mill-ajruport ta’ Heathrow. L-Air Malta qalet ukoll li sal-bieraħ filgħaxija, 80% tal-passiġġieri ġew infurmati dwar il-pjanijiet il-ġodda għall-vjaġġ tagħhom.

Intant l-Air Malta spjegat li operat żewġ titjiriet oħrajn ilbieraħ mill-ajruport ta’ Southend f’Londra stess ħalli jkun hemm inqas riskju ta’ titjiriet ikkanċellati.