2 arrestati fil-Qawra minħabba droga

Read in English.

Żewġt irġiel ġew arrestati fil-Qawra lbieraħ minħabba li nstabu fil-pussess tad-droga.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li permezz ta’ ħidma tal-Iskwadra ta’ kontra d-droga, ilbieraħ wara nofsinhar seħħ l-arrest ta’ żewġt irġiel, Afrikan u Serb. Huma għandhom l-età ta’ 21 u 35 sena rispettivament.

L-irġiel ġew arrestati wara li l-Pulizija osservathom jaġixxu b’mod suspettuż viċin stabbiliment ta’ divertiment fl-inħawi Ta’ Fra Ben, il-Qawra. Minn tfittxija li saret fuq l-Afrikan, il-Pulizija sabet permess ta’ residenza Taljana, ammont ta’ pakketti mimlija b’sustanza ħaxixa u raża tal-pjanta tal-Kannabis, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Minn fuq is-Serb, kienu elevati numru ta’ pakketti mimlija b’sustanza ħaxixa tal-pjanta tal-Kannabis, amfetamina, kif ukoll pilloli tal-ecstasy lesti biex jiġu traffikati.

Il-persuni ġew investigati u tressqu l-Qorti llum taħt arrest quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Nadine Lia akkużati bi traffikar u pussess aggravat tal-imsemmija droga.