2 arrestati b’suspett li aggredew 2 f’Buġibba

Żewġ irġiel ġew arrestati wara li allegatament aggredew żewġ persuni oħra.

Skont stqarrija tal-Pulizija, aktar kmieni llum, il-Pulizija għamlet tfittxija ġewwa residenza f’Buġibba. Hija arrestat Bulgaru ta’ 31 sena u Ukren ta’ 29 sena.

Dan ġara wara li għall-abta tal-5:00am, fl-għassa tal-Qawra daħlu żewġt irġiel barranin, b’wieħed minnhom bid-demm iċarċar ma’ wiċċu u rasu. Huma allegaw li ġew aggrediti u attakkati b’xi oġġetti minn xi persuni fi Triq il-Kavetta, f’Buġibba.

Il-Pulizija sejħu minnufih għall-ambulanza. Wieħed mill-irġiel dak il-ħin waqa’ ntilef minn sensih u waqa’. Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. Ir-raġel l-ieħor, li għandu 28 sena, li iżda n-nazzjonalità tiegħu għadha mhix magħrufa, ukoll ittieħed l-isptar, iżda ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija f’dan il-każ għadhom għaddejjin.