Żewġt irġiel ġew arrestati b’rabta ma serqa bi vjolenza li saret fuq raġel ta’ 67 sena nhar l-ewwel tas-sena.
L-anzjan kien ġie aggredit minn żewġ persuni għall-ħabta tal-5am waqt li kien miexi fi Triq is-Salib tal-Marsa, Marsa.
Ir-raġel spiċċa fl-art wara li ngħata numru ta’ daqqiet ta’ sieq, u ż-żewġ aggressuri ħarbu minn fuq il-post b’vettura wara li serqulu l-mowbajl. L-anzjan ingħata kura medika għal ġrieħi ħfief.
Wara li rċevew informazzjoni dwar min setgħu kienu l-aggressuri, il-Pulizija għamlu sigħaat ta’ osservazzjoni li wasslu għall-arrest ta’ żewġt irġiel l-Erbgħa filgħaxija.
Ghall-ħabta tad-9pm, pulizija mill-Iskwadra ta’ Reati Maġġuri ċċirkondaw vettura – l-istess waħda li ntużat waqt is-serqa – fl-istess akwati ta’ Triq is-Salib tal-Marsa.
Fil-vettura kien hemm raġel ta’ 42 sena mill-Gżira u ieħor ta’ 33 sena minn Wied il-Għajn, li huma meqjusa s-suspettati ewlenin fis-serqa.
It-tnejn li huma qed jinżammu fil-lock-up li hemm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.