2 anzjani oħra jmutu bil-coronavirus

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li żewġ anzjani ta’ 72 u 82 sena mietu lbieraħ filgħaxija waqt li kienu pożittivi bil-Covid-19.

Fl-ewwel każ, anzjana ta’ 72 sena iddaħħlet l-Isptar Mater Dei fis-26 ta’ Settembru, u ġiet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fil-5 ta’ Ottubru. Hija baqħet tingħata kura fl-Isptar Mater Dei, fejn mietet ilbieraħ filgħaxija.

Fit-tieni każ, anzjan ta’ 82 sena li ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fit-12 ta’ Ottubru. Huwa ddaħħal l-Isptar Mater Dei fit-13 ta’ Ottubru u ġie trasferit fl-Isptar St Thomas fis-16 ta’ Ottubru. Meta l-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-agħar ilbieraħ, hu reġa’ ġie trasferit l-Isptar Mater Dei, fejn miet aktar tard filgħaxija.

Dawn kienu t-48 u d-49 mewta f’Malta bil-Covid-19. Is-47 vittma tħabbar ilbieraħ u kien raġel ta’ 68 sena.