2 aħwa jagħtu daqqa ta’ sikkina lil raġel ieħor; jinżammu arrestati

Żewġ aħwa tressqu l-Qorti llum akkużat li taw daqqa’ ta’ sikkina lil raġel f’argument li seħħ il-Ħadd li għadda fil-Belt Valletta.

Iż-żewġt irġiel li għandhom 33 u 29 sena u jgħixu l-Ħamrun ġew akkużati li ppruvaw iweġġgħu raġel b’mod gravi bl-użu ta’ oġġett. Huma qed jiġu akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika. L-aħwa tressqu quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri.

L-argument beda fi blokka appartament fil-Belt Valletta. Iż-żewġt irġiel allegatament marru fuq il-post biex jgħinu lil xi ħabib tagħhom li kien involut.

Ir-raġel ta’ 33 sena qed jiġi akkużat ukoll li kkawża feriti u li kien qed iġorr oġġett li jaqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja jew permess. Ir-raġel ta’ 29 sena ġie akkużat li weġġa’ persuna ħafif.

Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Filwaqt li l-avukat tad-difiża talab għall-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni sostniet li għad hemm min irid jixhed fil-każ.

Il-Maġistrat Camilleri sostna li l-Qorti mhux konvinta li jekk dawn jingħataw il-ħelsien mill-arrest se jżommu mal-kundizzjonijiet imposti fuqhom. Għaldaqstant huma baqgħu jinżammu taħt arrest.