2,400 persuna oħra salvati mill-Baħar Mediterran

Ġew salvati 2,371 persuna oħra mill-baħar Mediterran, wara li bejn il-Ġimgħa u s-Sibt ġew mgħejjuna 3,480 oħra. B’hekk, minn 15-il ħidma differenti tal-Guardia Costiera Taljana flimkien ma’ pajjiżi oħra fosthom  ir-Renju Unit u Malta, ġew salvati 5,851 immigrant.
L-immigranti mgħejjuna kienu fuq tliet dgħajjes u 12-il dingi, madwar 50 mil ‘il barra mill-kosta Libjana.
F’din il-ħidma ta’ salvataġġ kienu strumentali wkoll il-bastiment Phoenix, immexxi mill-fondazzjoni Maltija MOAS (Migrant Offshore Aid Station). Fi triqtu lejn Augusta fi Sqallija, Phoenix salva 372 persuna fosthom 184 raġel, 126 mara u 62 tifel u tifla. Il-parti l-kbira tal-immigranti kienu Eritreani.