2,070 student b’dyslexia f’Malta

Skont id-Direttorat tal-Edukazzjoni hemm 420 tifel u tifla b’dyslexia fl-iskejjel primarji u 1,650 student ieħor fl-iskejjel sekondarji fil-pajjiż. Riċerki internazzjonali juru li madwar 10% tal-istudenti fl-iskejjel ibatu minn din il-kundizzjoni.
L-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-deputat Laburista Etienne Grech.
Il-Ministru qal li b’rabta ma’ din il-kundizzjoni, fl-iskejjel f’Malta u f’Għawdex isiru laqgħat mal-għalliema, mal-kapijiet tal-iskejjel u mal-prinċipali tal-kulleġġi biex ikun hemm aktar għarfien dwar il-kundizzjoni. Qal ukoll li kull sena jsir kors għall-ġenituri u kors għall-għalliema filwaqt li fl-aħħar tas-sena skolastika jsir InService Training. Matul is-sena jsiru wkoll diversi sessjonijiet ta’ taħriġ wara l-ħin tal-iskola biex l-għalliema jkunu jafu aktar dwar l-istrateġiji li jgħinu lill-istudenti bid-dyslexia biex jitgħallmu aħjar. Qal ukoll li d-Direttorat għandu wkoll librerija speċjalizzata minn fejn it-tfal u l-ġenituri jistgħu jissellfu kotba li huma adattati għall-bżonnijiet tagħhom.