2,000 jitwaqqfu milli jisirqu l-elettriku; 153 il-Qorti

Fuq medda ta' ftit iktar minn erba' snin, proprjament minn April 2013, l-Enemalta sabet u waqqfet 2,000 każ ta’ serq tal-elettriku u irregolaritajiet oħra relatati. F'153 minnhom, il-kumpanija talbet li jittieħdu passi kontrihom fil-Qorti.
Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi spjega li kull każ jiġi pproċessat skont il-proċeduri stabbiliti, li jinkludu fost l-oħrajn, talbiet lill-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet u passi legali biex jiġi żgurat li l-Enemalta tirċievi l-ħlas tal-elettriku misruq.
Il-Ministru semma kif fil-perjodu msemmi, l-Enemalta ħadmet biex tnaqqas is-serq tal-elettriku u qal li fis-snin ta’ qabel dan kien qed itellef lill-entità miljuni ta’ ewro fi dħul.
Qal ukoll li b’riżultat tal-ħidma kontinwa, ir-rata ta’ elettriku misruq niżlet drastikament sena wara l-oħra u żied jgħid li llum din tinsab fl-inqas livelli.
Din l-informazzjoni ngħatat għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.