​2,000 ċitazzjoni kontra l-operatur tat-trasport pubbliku

Din is-sena, sal-aħħar ta’ Awwissu, Transport Malta ħarġet total ta’ 1,947 ċitazzjoni lill-kumpanija tal-Gvern li tħaddem it-trasport pubbliku. 1,339 ċitazzjoni minnhom kienu għal parkeġġ kontra l-liġi.
Ċitazzjonijiet oħra nħarġu għal kontravenzjoni fi triq one-way (62), u għal nuqqas ta’ liċenzja viżibbli fuq il-karozza tal-linja (61) jew liċenzja skaduta (61).
Ingħataw ukoll 27 ċitazzjoni għall-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan.
Il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi ta din l-informazzjoni fil-Parlament.
Spjega wkoll li bejn Jannar u Lulju, Transport Malta ħarġet penali li jammontaw għal €92,125 wara spezzjonijiet fuq karozzi tal-linja.