Karl Cini ta’ Nexia BT interrogat mill-Pulizija

Karl Cini, wieħed mis-sieħba fin-negozju tal-kumpanija Nexia BT ġie interrogat mill-Pulizija għal numru ta’ sigħat.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li Cini ssejjaħ fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal ħabta tal-4pm u deher ħiereġ mal-avukat tiegħu Stephen Tonna Lowell għall-ħabta tas-6.30pm.  Infurmati wkoll li l-interrogazzjoni kienet marbuta mal-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-konklużjonijiet ewlenin tal-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-kumpanija Egrant fil-Panama.

Il-kumpanija Nexia BT kienet fiċ-ċentru ta’ allegati każi ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni li kienu jinvolvu lill-Bank Pilatus u uffiċjali għolja tal-Gvern Malti.  Isem Karl Cini, flimkien ma’ dak ta’ Brian Tonna, issemmew fl-isklandu tal-Panama Papers, fit-twaqqif ta’ kumpaniji fil-Panama għall-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi  u għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Kien ġie rrappurtat li Cini kien ta l-isem tas-sid benefiċċjarju tal-kumpanija Egrant permezz ta’ Skype, “għax kien xi ħadd importanti”.

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, ġimagħtejn ilu ġew interrogati wkoll l-Eks Uffiċjal tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus Jonathan Ferris u l-Kap tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli.

Il-konklużjonijiet prinċipali tal-Inkjesta Egrant, li huma biss 3% tar-rapport sħiħ, ġew ippubblikati mill-Avukat Ġenerali fit-22 ta’ Lulju li għadda, ftit minuti qabel mal-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja. Minn din l-inkjesta, li damet għaddejja 15-il xahar, irriżulta li ma hemm xejn li jorbot lil Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru, mal-kumpanija Egrant fil-Panama.