19,000 tfal Sirjani se jkunu jistgħu jifirħu dan il-Milied

Sister Annie Demerjian mat-tfal Sirjani fi żmien il-Milied (Credit: Aid to the Church in Need)

Dan il-Milied, eluf ta’ tfal Sirjani se jkollhom it-tbissima fuq wiċċhom, grazzi għall-ġenerożita tal-Karità Pontifiċja, Aid to Church in Need li għenet lil dawn it-tfal li tant qed isofru.

F’messaġġ li bagħtet lil din l-organiżazzjoni, Sister Annie Demerjian irringrazzjat lill-benefatturi ta’ Aid to Church in Need li  għażlu li jgħin lil dawn it-tfal li qed jgħixu fost it-tifrik tal-gwerra. Hi qalet li bir-rigali tal-Milied li l-organiżazzjoni se toffri lil kull wieħed u waħda minn dawn it-tfal, se ġġiblhom tbissima fuq fommom.

Din hi t-tmien sena konsekuttiva li l-Karità Pontifiċja qed tibgħat rigali lil dawn it-tfal f’forma ta’ pakkett li fih ikun hemm ħwejjeġ, żraben, ġugarelli, xi oġġett ta’ devozzjoni u affarijiet essenzjali oħra.

Ħidma mat-tfal

Sr Annie faħħret il-ħidma li Aid to Church in Need tagħmel mat-tfal, anzjani, persuni bi bżonnijiet speċjali, partikolarment dawk li jgħixu f’Aleppo billi tipprovdilhom ikel, mediċini, ħwejjeġ, żraben u prodotti sanitarji.

Fil-messaġġ tagħha s-soru qalet li wieħed ma jistax jimmaġina, kemm jibku bil-ferħ l-anzjani meta’ jirċievu din l-għajnuna u jiftħu idejhom b’ringrazzjament lejn dawn il-benefatturi u jitolbu għalihom.

Aid to Church in Need, fuq talba tal-Isqof George Abou Khazen qed tgħin fi proġett f’Aleppo li permezz tiegħu jingħata ikel lill-familji foqra nsara, flimkien ma’ għajnuna finanzjarji biex jixtru ż-żejt biex isaħħnu djarhom u xi ftit petrol.

Tul il-gwerra ċivili fis-Sirja, aktar minn 1,700 nisrani sfaw maqtula u aktar minn 600 oħra inħatfu. Fl-aħħar 20 sena n-numru  ta’ nsara fis-Sirja naqas bi tliet kwarti. F’Aleppo il-popolazzjoni tal-insara mill-2010 ‘l hawn naqset minn 180,000 għal 29,000.

Min-naħa tagħha, Aid to Church in Need lill-insara fis-Sirja qed tipprovdilhom boroż ta’ studju, mediċini, flus biex ikun jistgħu jħallsu l-kera tal-post fejn joqgħodu, iffinanzjat tiswijiet fi djar u knejjes u tgħin finanzjarjament lis-sorijiet u l-qassisin.  Is-sena li għaddiet għenet f’185 proġett simili.