19% tal-familji f’Malta f’riskju ta’ faqar

88,777 persuna f’Malta tinsab f’riskju ta’ faqar. Dawn jinkludu persuni li ma jistgħux jixtru affarijiet materjali jew jgħixu f’post li huwa bażiku u m’għandux in-neċessitajiet bażiċi kollha.

Meta kkumparat mas-sena ta’ qabel, in-nies li jinsabu f’riskju ta’ faqar naqas b’0.3%. Dan ħareġ mir-rapport tal-Uffiċċju tal-Istatistika (NSO).

30.6% tal-familji ma jistgħux imorru vaganza darba fis-sena filwaqt li 7.6% ma jaffordjawx isaħħnu djarhom fix-xitwa.

Il-popolazzjoni f’Malta fl-2018 kienet ta’ 493,559 li minnhom 83,000 huma barranin residenti f’Malta. Mill-2008, sal-2018 il-barranin residenti f’Malta żdiedu minn 4% għal 18%.

Fl-2018 ir-rata ta’ nisa li għandhom bejn il-15 u l-64 sena li jaħdmu f’Malta kienet ta’ 61%, 23% aktar mill-2018. Ir-rata ta’ rġiel li jaħdmu hija ta’ 81%. Fl-istess żmien ir-rata tal-qgħad f’Malta naqas bi 2.3%.

Kważi 200,000 megawatt ġenerati mill-enerġija rinovabbli

Matul l-2018 f’Malta ġie ġġenerat 198,587 megawatt minn enerġija rinovabbli, l-aktar li ġġeneraw kienu l-panelli fotovoltaiċi. Fl-2017, ġew iġġenerati 294,000 tommna ta’ skart muniċipali, l-aktar skart miġbur kien riċiklat.

L-emmissjonijiet tad-dijossidu karbonju tal-emissjonijiet netti ta’ gas serra huma 2,155 tommna, 21% inqas meta kkumparat mal-medja bejn 2007 – 2017.

Il-GDP f’Malta fl-2018 kien ta’ €12.8 biljun

Fl-2018 it-total tal-Prodott Gross Domestiku f’Malta kien ta’ €12.8 biljun, 9% aktar meta kkumaparat mas-sena ta’ qabel. Il-pożizzjoni fiskali tal-Gvern irrapurtat bilanċ pożittiv ta’ €236 miljun. Meta kkumparat mal-2008 il-pożizzjoni fiskali tal-Gvern għamlet żvilupp pożittiv. Fl-2008 il-Gvern kellu deficit ta’ €256 miljun filwaqt fl-2018 ġie rrekordjat surplus ta’ 1.9% tal-GDP.

Dawn huma statistiċi li ħarġu mir-rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).