19 maqtula f’attakk waqt quddiesa

Nhar il-Ħadd li għadda l-Papa Franġisku sejjaħ għal talb għall-poplu tar-Republika Ċentrali Afrikana fejn sar attakk li qatel almenu 19 il-persuna, filwaqt li ħafna oħra sfaw feruti waqt li kienu qed jattendu għal quddiesa ftit jiem ilu.
“Nistedinkom titolbu għall-poplu tal-Afrika Ċentrali, pajjiż li kelli l-pjaċir inżur u li ngħożżu ħafna, fejn fl-aħħar jien kien hemm ħafna vjolenza u ħafna nies sfaw maqtula jew feruti, fosthom saċerdot.
Bl-interċessjoni tal-Madonna nitolbu 'l Alla jgħinha lkoll biex ngħidu le għall-vjolenza u l-vendetta, u sabiex jgħinna nibnu l-paċi flimkien”, qal il-Papa lil madwar 40,000 persuna miġbura għar-Regina Coeli.
Fr. Moses Otii, il-Kappillan tal-Knisja tal-Madonna ta’ Fatima f’Bangui, qal li almenu 19 il-persuna sfaw maqtula meta nies armati sparaw tiri fuq aktar minn 2,000 persuna li kienu miġbura għall-quddiesa. Madwar 120 oħra sfaw feruti waqt din il-vjolenza li fiha ntużaw anke xi ‘granades’.
L-aggressuri kienu aktar milli kien hemm pulizija li kellhom jirtiraw u meta raw hekk l-irġiel armati bdew jisparaw fuq in-nies u lejn il-knisja. “Rajt b’għajnejja stess tliet granades li tgwaddbu lejn il-knisja, iżda fortunatament f’dik in-naħa ma kienx hemm nies, imbagħad twaddbet oħra f’nofs il-folla u splodiet.
“Normalment il-quddies tagħna ssir fil-beraħ għax il-knisja ma tiħux 2,000 persuna u għal dik il-quddiesa kien hemm aktar minn elfejn persuna. Ħafna nies sfaw midruba. Bdew jiġru f’kull direzzjoni. Daħlu anke fis-sala parrokkjali, fil-kunvent, fir-refitorju, fil-kċina u saħansitra fit-tojlits.
“Kien hemm oħrajn li ma setgħux jitilqu jiġru. Fosthom mara li bl-isplużjoni tal-grenade spiċċat mingħajr saqajha. Kien hemm kommossjoni kbira b’nies jiġru u oħrajn jibku”, żied jgħid dan is-saċerdot.