19-il raġel vittmi ta’ vjolenza domestika kull xahar

Battered-Man

Medja ta’ 19-il raġel safa vittma ta’ vjolenza domestika kull xahar għal dawn l-aħħar 10 snin.
Total ta’ 2,309 każ ta’ vjolenza domestika fuq l-irġiel ġew irrappurtati lill-Pulizija f’Malta u Għawdex fl-aħħar 10 snin. Dan jammonta għal 23% tal-każijiet.
L-istatistika pprovduta lil Newsbook.com.mt mill-Pulizija turi kif tul l-aħħar 10 snin, jiġifieri mill-2008 sal-2017, ir-rapporti ta’ vjolenza domestika fuq l-irġiel żdiedu sena wara sena, ħlief fl-2014 fejn kien hemm 17-il każ anqas irrapurtat mill-2013.
Meta wieħed jaħdem il-medja taż-żieda fir-rapporti, il-medja tammonta għal madwar 22 każ aktar irrappurtat fis-sena.
L-akbar ammont ta’ każijiet ġew irrappurtati fl-2017, b’total ta’ 333 każ.
Madanakollu, il-figuri t’hawn fuq jistgħu jkunu ħafna akbar li kieku l-każijiet kollha tal-vjolenza domestika jiġu rrappurtati.
Il-psikologu u s-sesswologu Dr Nicholas Briffa kien tkellem ma’ Newsbook.com.mt, u spjega li s-soċjetà tinsisti li r-raġel huwa b’saħħtu u li m’għandux jibki, u m’għandux jiġi intimidat, speċjalment minn mara.
Dawn in-normi soċjali, sostna li jġiegħlu lill-irġiel jaħsbu li m’għandhomx jitkellmu jekk iħossu li jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika għall-biża’ li jidhru inferjuri minn irġiel oħrajn.
Ma' Newsbook.com.mt missier kien spjega kif safa vittma ta' abbuż fiżiku u mentali, xi ħaġa li wasslitu sabiex jiġi separat minn uliedu.
Il-maġġoranza tal-vjolenza domestika tibqa’ fuq in-nisa
Min-naħa l-oħra, il-vjolenza domestika fuq in-nisa wkoll baqgħet tikber kull sena, bin-numru allarmanti jitla’ għal 7,809 każ irrappurtat fl-aħħar 10 snin. Dan jammonta għal 77% tar-rapporti totali.
Jidher ukoll li matul l-10 snin, il-każijiet irrappurtati annwalment baqgħu jikbru, bil-medja tammonta għal madwar 75 każ aktar irrappurtat kull sena.
San Pawl il-Baħar bl-aktar rapporti ta’ vjolenza domestika
Propju 825 każ mit-total ta’ 10,118 każ ta’ vjolenza domestika rrappurtati mill-2008 ’il quddiem, kienu ġejjin minn San Pawl il-Baħar.
Dan segwit minn Birkirkara b’443 każ, Ħal Qormi b’434 każ, il-Mosta b’405 każijiet u Ħaż-Żabbar bi 372 każ.