19-il proġett ta’ espansjoni bi 800 impjieg ġdid – Schembri

DOI: Pierre Sammut

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li minn din is-sena se jibdew 19-il proġett ta’ espansjoni. Skont Schembri dan se jwassal għal ħolqien ta’ 800 impjieg ġdid u se jiġġenera €200 miljun fl-ekonomija Maltija.

Hu stqarr li l-proġetti ta’ espansjoni hu sinjal ċar ta’ fiduċja u sostenibbiltà fl-ekonomija ta’ Malta. Schembri spjega kif dawn il-proġetti huma relatati mal-farmaċewtika, software u cloud computing, żvilupp tal-logħob diġitali u l-avjazzjoni. Hu żied jgħid li anke kumpaniji lokali se jkomplu jespandu bit-tlestija ta’ 102  proġett.

Schembri spjega kif kumpaniji li ilhom ammont sew ta’ snin joperaw minn Malta se jkomplu joperaw għal iżjed snin.

Skont Schembri r-rapporti tal-assessjar ekonomiku jirrimarkaw li Malta esperjenzat tkabbir ta’ 7% bejn l-2013 u l-2019.  

B’referenza għall-konklużjonijiet tal-5 rapporti ppubblikati f’Jannar u fi Frar, id-DBRS Morning Star, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Fitch, Moody’s u l-Kummissjoni Ewropea, il-Ministru Schembri rrimarka li r-rapporti kollha kkonkludew li l-ekonomija ta’ Malta se tkompli tesperjenza tkabbir ekonomiku.  

Il-Ministru Schembri żied jgħid li l-prijorità ewlenija hi li l-proġetti approvati jibdew jaħdmu u dan billi jkunu mnaqqsa proċeduri burokratiċi. Saħaq li l-għan aħħari hu li dan it-tkabbir ekonomiku jwassal għal soċjetà li hi ġusta, miftuħa, innovattiva u inklussiva.