19-il persuna rreżenjaw minn xogħolhom fil-Ministeri minn Jannar ‘l hawn

DOI - Jason Borg

19-il persuna rreżenjaw minn xogħolhom fil-Ministeri tal-Gvern jew f’xi Segretarjat Parlamentari partikolari mill-25 ta’ Jannar ‘l hawn. Uħud minnhom irreżenjaw minn kariga sabiex bdew jokkupaw kariga oħra fi ħdan l-istess Ministeru jew Segretarjat.

Dan in-numru ħareġ mit-tweġibiet tal-Ministri fil-Parlament għall-mistoqsija tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Kemm irreżenjaw ħaddiema?

  • Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali: Persuna waħda
  • Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali: Persuna waħda fil-25 ta’ Frar
  • Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Persuna waħda mis-Segretarjat
  • Ministeru għas-Saħħa: 2 persuni rreżenjaw mis-Segretarjat
  • Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: 2 persuni rreżenjaw mis-Segretarjat imma mxew għall-Ministeru
  • Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji: 2 persuni rreżenjaw mis-Segretarjat
  • Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur: 2 persuni rreżenjaw mill-Ministeru u persuna mis-Segretarjat
  • Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi: 2 persuni fil-Ministeru u persuna waħda fis-Segretarjat
  • Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: 4 ħaddiema fis-Segretarjat

L-aktar li kien hemm riżenji kien fis-Segretarjat tal-Ministeru għall-Ġustizzja, b’total ta’ erbgħa minn Jannar. Is-Segretarja Parlamentari hija Rosianne Cutajar, filwaqt li l-Ministru huwa Edward Zammit Lewis. Fil-Parlament, Zammit Lewis spjega li dawn l-erba’ persuni rreżenjaw għax għażlu li jkomplu jaħdmu fil-karigi rispettivi tagħhom.

Ma rreżenjaw l-ebda ħaddiema minn Jannar sal-lum mill-Ministeri tal-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, mill-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, mill-Ministeru għal Għawdex, mill-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Ippjanar.

F’Jannar, it-tmexxija tal-pajjiż għaddiet f’idejn Robert Abela, wara li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat irreżenja mill-kariga fil-bidu ta’ Jannar, wara dak li ġie żvelat f’Novembru u Diċembru b’rabta mal-investigazzjoni tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Abela wettaq xi bidliet fil-Kabinett u introduċa ħafna wċuħ relattivament ġodda b’għadd ta’ ministri żgħażagħ.