19-il persuna jmutu f’inċidenti tat-traffiku fl-2017

CMRU

Il-persuni li tilfu ħajjithom fl-2017 f’inċidenti tat-traffiku ammontaw għal 19-il persuna, sitt sewwieqa, sitt passiġġieri u seba’ persuni li kienu mexjin fit-triq.

Dan ħareġ minn statistika fuq it-trasport ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika.

L-istatistika turi li fl-2017, l-għadd ta’ inċidenti tat-traffiku naqsu b’14-il każ mis-sena ta’ qabel, jiġifieri kien hemm total ta’ 15,003 inċidenti. Minkejja dan, kien hemm żieda f’kemm weġġgħu nies f’dawn l-inċidenti, billi dawk li sofrew xi ġrieħi żdiedu b’1.1% mill-2016 sal-2017.

Fost dawk li ndarbu b’xi mod, kien hemm 1,129 sewwieq li 951 minnhom sofrew ġrieħi żgħar, u 172 sofrew ġrieħi gravi. Sitt sewwieqa mietu f’dawn l-inċidenti. Tul l-istess perjodu, kien hemm 376 passiġġier, 178 persuna li kienet miexja u 37 persuna oħra (34 minnhom ċiklisti) li kellhom biss xi ġrieħi ħfief. Dawk li sofrew minn ġrieħi gravi kienu 41 passiġġier, 86 persuna li kienet miexja, u 13-il persuna oħra (11 minnhom ċiklisti). Sitt passiġġiera u seba’ persuni oħra li kienu mexjin tilfu ħajjithom f’dawn l-inċidenti.

B’hekk, fl-2017 mietu 19-il persuna minħabba inċidenti tat-traffiku, erba’ persuni inqas minn kemm mietu nies b’hekk fl-2016.

L-iżjed inċidenti ġraw f’Mejju, u kien hemm aktar inċidenti fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Malta milli fin-Nofsinhar, b’4.4% inqas. Fit-Tramuntana kien hemm 5,650 inċident jew 37.7% mit-total.