19-il persuna jiddaħħlu l-ħabs fil-ġimgħa

Matul l-2019, medja ta’ 19-il persuna ddaħħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dawn il-persuni jinkludu persuni li qed jiskontaw sentenza kif ukoll persuni li għadhom fil-proċess biex il-każ tagħhom jiġi deċiż.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li sal-aħħar tas-sena 2019, 509 persuni kienu qed jiskontaw sentenza filwaqt li 245 persuna oħra qegħdin fil-proċess biex il-każ tagħhom ikun deċiż.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici.

Fil-ħabs hemm 458 ċella li sal-aħħar ta’ Jannar li għadda, 200 minnhom kienu qed jospitaw aktar minn priġunier wieħed. F’mistoqsija parlamentari l-Ministru Camilleri kien qal li hija deċiżjoni tal-amministrazzjoni dwar min jitpoġġa ma’ min fiċ-ċelel. Camilleri qal ukoll li kull priġunier jiswa lill-Gvern madwar €90 kuljum.

Sal-aħħar ta’ Jannar kien hemm 22 resident fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li qed jaħdmu fil-privat filwaqt li 272 priġunier qed jaħdmu fil-ħabs.

Ilbieraħ Ġanni Attard instab mejjet fiċ-ċella tiegħu għall-ħabta tas-6.30pm. Ir-raġel kellu 72 sena u kien qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li nstab ħati li kien kompliċi għal qtil li seħħ fl-2001. Il-qtil kien dak tal-gwardjan lokali Fortunata Spiteri.