19-il MP jelenkaw ir-raġunijiet għaliex Delia għandu jitlaq; Delia jwieġeb

Aġġornat 08:50 PM

Read in English.

Id-19-il Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li vvutaw li m’għadx għandhom fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni elenkaw ir-raġunijiet għaliex jaħsbu dan. Aktar tard, Adrian Delia rreaġixxa bi stqarrija li fiha qal li se jibqa’ jaħdem bla waqfien “mingħajr biża’ jew influwenza u b’kuxjenza nadifa.”

Fi stqarrija maħruġa waranofsinhar, huma qalu li Adrian Delia għandu jwarrab fl-interess nazzjonali u fl-interess tal-Partit Nazzjonalista. “Kull ġurnata li jibqa’ fil-kariga tfisser ħsara lill-Partit u lill-pajjiż,” stqarrew l-MPs.

Dan wara li nhar it-Tlieta li għadda, dawn id-19 tawh vot ta’ sfiduċja, filwaqt li 11-il MP urew il-fiduċja tagħhom fih. Dan kien il-bidu ta’ ġimgħa mimlija żviluppi fil-Partit Nazzjonalista, billi lbieraħ, imbagħad, l-MPs Chris Said u Claudette Buttigieg marru għand il-President George Vella biex jitolbuh ineħħi lil Delia u jinnominaw lil Therese Comodini Cachia biex toħodlu postu.

Adrian Delia indirizza lill-midja lbieraħ filgħaxija u qal li kien u għadu Kap tal-Oppożizzjoni. Ladarba t-tesserati jriduh, huwa mhux beħsiebu jitlaq.

Il-President imbagħad beda proċess ta’ konsultazzjoni ma’ kull Membru Parlamentari fl-Oppożizzjoni, sabiex jifhem aħjar jekk huma jridux lil Delia jew le, u għaliex.

Dawn id-19-il MP illum qalu li tliet snin wara li ġie elett, Delia ma rnexxilux iwettaq dak li ġie fdat biex jagħmel. Qalu li l-pożizzjoni ta’ Adrian Delia m’għadhiex aktar tenibbli fosthom għal dawn ir-raġunijiet:

  • “Ma rnexxilux jgħaqqad lill-elettorat li dejjem ta appoġġ lill-Partit Nazzjonalista u aktar minn hekk ma rnexxilux jikkonvinċi lil dawk il-votanti li kienu waqfu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Partit Nazzjonalista. Dan huwa kkonfermat mir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali u rifless f’survey wieħed wara l-ieħor;
  • Bl-attitudni u bid-deċiżjonijiet tiegħu ħoloq firda kważi irreparabbli fost il-membri u l-attivisti tal-Partit;
  • Ma rnexxilux iwarrab in-numru kbir ta’ allegazzjonijiet serji li saru dwaru u li poġġewh fil-pożizzjoni li l-ħin kollu jrid jiddefendi lilu nnifsu. Ħafna drabi l-Partit Nazzjonalista spiċċa jintuża biex jiddefendi sitwazzjonijiet personali.”

Huma nnutaw li Delia qiegħed jibqa’ jwebbes rasu u qed ikompli jagħmel l-istess żbalji li ilu jagħmel għal dawn l-aħħar tliet snin bi ħsara kbira lill-Partit Nazzjonalista.

Temmew jgħid li, għalhekk, “F’dan l-ispirtu u fl-interess kemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll ta’ pajjiżna, id-19-il Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ddikjaraw li m’għadx għandhom fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. L-istess 19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qablu b’mod unanimu li Therese Comodini Cachia tinħatar Kap tal-Oppożizzjoni skont dak li tipprovdi l-Kostituzzjoni.”

Ir-reazzjoni ta’ Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħareġ stqarrija fid-8.45pm li tgħid li s-sottomissjonijiet legali diġà saru minnu stess mal-President innifsu fuq stedina tiegħu, u hu ma jidhirlux li huwa xieraq li waqt li l-President qiegħed jiddelibera dwar materja tant sensittiva, jintilef f’dibattitu pubbliku “meta l-istess deputati lanqas biss avviċinawh dwar dan.”

L-istqarrija tkompli tgħid li Delia jafferma mill-ġdid il-lealtà tiegħu lejn it-tesserati, u jibqa’ leali wkoll lejn il-ġurament tal-ħatra kostituzzjonali tiegħu.