19-il martri Alġerin se jkunu beatifikati f’Diċembru

-oqbra ta’ seba’ patrijiet Trappisti li mietu martri fil-ġnien tal-monasteru tagħhom

Fit-8 ta’ Diċembru li ġej, fil-belt ta’ Oran, fl-Alġerija se ssir iċ-ċerimonja tal-Beatifikazzjoni tal-Isqof Pierre Claverie u 18 il-persuna li kienu kumpanji tiegħu li flimkien kienu nqatlu martri.

It-18 il-persuna l-oħra jinkludu seba’ patrijiet Trappisti minn Tibhirine, brother Marist, erba’ White Fathers u sitt reliġjużi oħra minn diversi kongregazzjonijiet li huma preżenti fl-Alġerija.

Dawn kollha nqatlu bejn l-1993 u l-1996 fl-eqqel ta’ ġlied minn gwerrillieri Islamiċi kontra l-Gvern u l-poplu Alġerin – perjodu li l-istoriċi jirreferu għalih bħala ‘Id-Deċenju l-Iswed’.

F’Jannar li għadda l-Papa Franġisku kien iffirma d-digriet tal-beatifikazzjoni u l-Knisja Kattolika rrikonoxxiethom bħala “martri”.  Il-Ġimgħa li għaddiet, il-Konferenza Episkopali Alġerina ħabbret li ċ-ċerimonja tal-Beatifikazzjoni se ssir fil-Bażilika ta’ Santa Cruz lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Kien hemm bżonn li ċ-ċerimonja ssir qabel l-ftuħ tal-kampanja għall-elezzjoni presidenzjali billi f’dak il-perjodu l-atmosfera fil-pajjiż tkun waħda politiċizzata ħafna.

Għall-ewwel kienet proposta d-data tal-15 ta’ Diċembru iżda l-Kardinal Angeo Becciu li se jmexxi ċ-ċerimonja ma setgħax. Għalhekk kien deċiż li ssir ġimgħa qabel, fit-8 ta’ Diċembru, il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni u jkun possibbli li Kattoliċi u Musulmani jinġabru flimkien f’riġlejn il-Madonna.

L-Isqof Jean Paul Vesco li qed jorganizza ċ-ċerimonja hu determinat li l-Musulmani Alġerini jieħdu sehem fiċ-ċerimonja. “Mhux se jkun biss pellegrinaġġ tal-insara. B’xi mod irridu nagħtu sehem sinjifikanti lill-Alġerija u r-reliġjon tagħha li hi l-Islam,” qal l-Isqof. Qed ikun kunsidrat li tkun organizzata wkoll Velja Inter-reliġjuża fil-Moskea ta’ Oran.  Il-liturġija tal-Beatifikazzjoni se ssir f’diversi lingwi.

Iċ-ċerimonja se tonora l-impenn ta’ dawn id-19-il reliġjuż li għażlu li jibqgħu fl-Alġerija man-nies tal-lokal, minkejja t-theddid Islamiku u t-twissijiet tal-awtoritajiet tal-pajjiż.

Il-patrijiet kienu jiddeskrivu ħajjithom bħala waħda ta’ “talb fost it-talb” u ppruvaw jgħixu l-ħajja diffiċli mal-poplu Alġerin u ħafru bil-quddiem li min attakkahom.

Għalkemm hu kuntent li l-Beatifikazzjoni se ssir dalwaqt għax dan hu sinjal tar-relevanza qawwija tax-xiehda li taw dawn ir-reliġjużi, l-Isqof Vescao iqisha bħala “beatifikazzjoni riskjuża ħafna”  u esprima t-tama li ċ-ċerimonja sservi biex tibgħat messaġġ ta’ għaqda u fraternità.