19-il każ ġdid ta’ coronavirus fost l-immigranti

Miguela Xuereb

F’Malta ġew reġistrati 19-il każ ġdid ta’ coronavirus. Dawn il-persuni kienu parti minn grupp li ddaħħal Malta lbieraħ.

Fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa qal li t-33 persuna li lbieraħ iddaħħlu Malta ġew iżolati u sarilhom swab test għall-CIVD-19. Minn dawn l-immigranti 19 ittestjaw pożittiv.

“Bħalma hija l-proċedura normali, l-immigranti li jaslu bil-baħar jinżammu immedjatament fi kwarantina u jiġu ttestjati,” qal il-Ministeru.

Intqal li l-immigranti li nstabu li huma pożittivi se jibqgħu jinżammu f’iżolament f’Ħal Far Initial Reception Centre, u l-bqija se jibqgħu fi kwarantina u jiġu segwiti.

Dalgħodu l-Arċisqof Charles Scicluna qal li vapur b’ħafna kaptani mhux bilfors imur fid-direzzjoni t-tajba meta kien qed jitkellem dwar il-kontroll tal-pandemija tal-coronavirus.

Il-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman iddikjara illi huwa jaqbel fis-sħiħ
li għandhom jitwaqqfu minnufih l-attivitajiet tal-massa. Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Kummissarju stqarr li jemmen li, “mill-evidenza disponibbli, m’hemmx dubju li hemm bżonn li tittieħed azzjoni qabel is-sitwazzjoni ssir waħda iddisprata.” L-istqarrija tkompli tgħid li fl-aħħar xhur saru sagrifiċċji kbar mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, mill-pubbliku u min-negozji. Għalhekk, il-Kummissarju hu tal-fehma li għandu jiġi żgurat li dak li nkiseb ma jintilifx. Qal ukoll li hemm il-ħtieġa ta’ direzzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Il-President tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace qal li l-Prim Ministru Robert Abela m’għandux rispett lejn l-infermiera li jinsabu kwarantina.

Fuq Facebook, Pace spjega li aktar minn 30 infermiera bħalissa jinsabu kwarantina minħabba l-każijiet tal-coronavirus li reġgħu feġġew fil-Gżejjer Maltin. Dawn, għalhekk, qegħdin jiċċaħħdu minn familthom u mill-qraba tagħhom.