19-il jum ta’ kwarantina fil-Kolombja

Courtesy of Colombian Presidency/Handout via REUTERS

Read in English.

Il-Kolombja se tkun qed tidħol għal 19-il jum ta’ kwarantina minn nhar it-Tlieta bil-lejl. Dan tħabbar mill-President Ivan Duque tard il-Ġimgħa filgħaxija. Din il-miżura hija l-iktar waħda drastika s’issa fl-Amerika t’Isfel bil-għan li tipprevjeni l-firxa tal-coronavirus.

Il-ġurnal Reuters spjega kif il-kwarantina fl-pajjiż, li bħalissa għandu total ta’ 158 każ, se ddum għal 19-il jum. S’issa ma kienx hemm imwiet irrappurtati fil-pajjiż.

Duque qal li l-azzjoni, li se tinkludi restrizzjonijiet fil-movimenti taċ-ċittadini barra minn djarhom, kienet waħda neċessarja biex tikkumbatti l-mard. “Fil-ġimgħat li ġejjin, għandna l-opportunità li flimkien nikkalmaw il-firxa mgħaġġla tal-virus,” qal Duque.

Kelliem għall-Gvern qal li aktar dettalji se jinħarġu qabel nhar it-Tnejn li ġej. Skont sorsi tal-Gvern Kolombjan li tkellmu ma’ Reuters, il-kundizzjonijiet se jippermettu li persuni li jaħdmu fl-oqsma tal-mediċina, il-forzi tas-sigurtà u ħaddiema fl-ispiżeriji u s-supermarkets jibqgħu miftuħin.

Il-Gvern Kolombjan diġà qal li se jkun qed iwaqqaf titjiriet internazzjonali minn nhar it-Tnejn filwaqt li ordna anzjani li għandhom minn 70 sena ‘l fuq sabiex jibqgħu ġewwa sal-aħħar ta’ Mejju. Il-pajjiż għalaq il-fruntieri fuq l-art u l-baħar, kif ukoll l-iskejjel u l-bars.

Madwar id-dinja, s’issa, hawn 276,714-il każ ikkonfermat. 91,952 persuna rkupraw minn dan il-virus, filwaqt li hemm 173,341 każ kurrenti. Il-virus, s’issa, ħasad il-ħajja ta’ aktar minn 11,000 persuna.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn