19-il gradwat f’Malta jissieħbu ma’ għaqda internazzjonali ta’ accountants

Wara ċerimonja li saret il-ġimgħa li għaddiet, 19-il gradwat saru membri tal-Institute of Accountants of England and Wales (ICAEW) wara li temmew kors mal-Association of Chartered Accountants (ACA).
Iċ-ċerimonja ġiet indirizzata mill-Acting Head of Business Opportunities tal-ICAEW Kate Holroyd-Smith, ir-rappreżentant tal-ICAEW Chris Naudi, l-ex-Kummissarju Għoli ta’ Malta fir-Renju Unit Joseph Zammit Tabona, u mill-President tal-Malta Institute of Accountants (MIA) William Spiteri Bailey.
Holroyd-Smith fetħet id-diskors tagħha billi semmiet li din iċ-ċerimonja hija t-tieni tax-xorta tagħha f’Malta. Saħqet li din iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni hija sinjal importanti għas-settur finanzjarju Malti li fih dejjem qed isir investiment kontwinwu fiż-żgħażagħ Maltin.
Il-Kors tal-ACA kien imniedi f’Malta fl-2012 bl-għajnuna ta’ wħud mill-akbar kumpaniji internazzjonali tal-awditjar li jinkludu l-PwC, il-KPMG, id-Deloitte u l-EY. Membri tal-ICAEW qegħdin jipprattikaw il-professjoni f’154 pajjiż filwaqt li l-kwalifikazzjoni tal-ACA qiegħda tkompli tiġi rikonoxxuta bħala waħda mill-aqwa kwalifikazzjoni tas-settur.
Ritratti: ICAEW