187 multa mill-OHSA

Fl-2015, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ħarġet 187 multa li minnhom tħallsu 84.5%.
Fi tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Laburista Luciano Busuttil,il-Ministru għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helena Dalli spjegat li mill-multi mposti fl-2015, tħallsu 158. Fil-każ tad-29 każ li ma tħallsux, inbdew proċeduri fil-Qorti dwar 28 każ. Il-każ l-ieħor kien irtirat peress li mietet il-persuna mħarrka.
Intant, fi tweġiba separata għall-mistoqsija tal-istess interpellant Dalli qalet li matul l-2015, l-OHSA rċeviet 6,899 ċertifikat dwar tagħmir differenti. Madwar nofshom, jew 3,218 kienu ċertifikati dwar lifts.
Kien hemm ukoll 877 ċertifikat dwar cranes, 1,192 dwar forklift trucks u 1,612 ċertifikat dwar makkinarju ieħor.
Barra minn hekk, l-OHSA intervjeniet bi spezzjonijiet f’112-il każ minħabba nuqqasijiet ta’ saħħa u sigurtà indikati fiċ-ċertifikat tal-inġinier jew tal-Authorised Conformity Assessment Body (ACAB).