Iktar attakki tal-qalb ta’ 20 sena fil-Finanzi

It-tobba f’Londra qed iwissu li qed jaraw iktar ħaddiema mis-settur tal-finanzi li qed ibatu minn attakki tal-qalb li jistgħu iwasslu għall-mewt. Minbarra l-kundizzjoni tax-xogħol stressanti ħafna, hemm ukoll iktar ħaddiema li qed jieħdu drogi llegali biex jirnexxu f’ambjent stressanti fejn is-siegħat twal fl-uffiċċju u l-istress huma parti normali minn kull ġurnata.

Għadd ta’ kardjologi stqarrew li kien hemm żieda ta’ 10% fil-pazjenti mis-settur tal-finanzi, matul l-għaxar snin li għaddew. Spjegaw li saret xi ħaġa normali li żagħżagħ jiddaħħlu l-isptar b’attakk tal-qalb. Qal li tant saru komuni li bħala ħaddiema fl-isptarijiet m’għadhomx jixxukjaw ruħhom li persuna jkollha biss 25 sena.

Dawn il-pazjenti żgħar huma maħsuba li jikkunsmaw il-kokaina u stimulanti artifiċjali oħra, spiss jippreżentaw ruħhom b’qalb li ma tħabbatx b’mod irregolari jew inkella jkollhom uġigħ minħabba infjammazzjoni fil-muskolu tal-qalb. Riżultat tal-istress fuq ix-xogħol, iż-żewġ kundizzjonijiet jistgħu jiżviluppaw f’attakk tal-qalb u possibilment anke mewt.

Għadd ta’ banek fir-Renju Unit huma magħrufa li jħeġġu l-istudenti żagħżagħ biex jaħdmu sa tard bil-lejl, u jekk ikunu jridu jimpressjonaw jispiċċaw jaħdmu siegħat twal mingħajr irqad.