Sajf iddominat minn dewmien u titjiriet imħassra

L-industrija tal-ivvjaġġar dan is-sajf rat dewmien u titjiriet ikkanċellati minn għadd ta’ ajruporti madwar l-Ewropa. Ħafna passiġġiera ġew affettwati minn dawn u għaddew l-ilmenti tagħhom uffiċċjalment.

In-numru ta’ lmenti minn passiġġiera tal-linja tal-ajru lill-Uffiċċjal tat-trasport publiku Ġermaniż żdied b’45% fl-ewwel nofs tas-sena. Portal għad-drittijiet tal-passiġġiera, Airhelp, ikkalkula li l-passiġġiera Ġermaniżi huma ntitolati għal €417 miljun f’kumpens, 3 darbiet aktar mill-ewwel nofs tal-2017.

Riċerka riċenti turi li n-numru ta’ titjiriet li ttardjaw aktar minn 3 sigħat żdiedu b’67%, filwaqt li kien hemm żieda ta’ 76% f’titjiriet imħassra. Diversi linji tal-ajru ġew affettwati minn strajkijiet, kundizzjonijiet ta’ temp estremi u problemi tekniċi.

Il-linja tal-ajru nazzjonali Maltija, Air Malta, din is-sena għaddiet minn burraxka simili. Fil-15 ta’ Lulju ttardjaw 15-il titjira f’temp ta 24 siegħa.  F’okkażjoni oħra, titjira minnhom ittardjat 17-il siegħa qabel ma telqet b’kelliem għall-Air Malta kien ikkonferma li t-titjira kellha tittardja minħabba l-Flight Time Limitations, limitazzjonijiet tal-liġi fuq is-sigħat li l-bdoti u l-crew jistgħu jaħdmu.

Diversi titjiriet oħra ġew posposti, u oħrajn imħassra għal raġunijiet differenti, fosthom it-temp, u minħabba affarijiet li ġraw f’pajjiżi oħra.

Il-linja tal-ajru Ryanair ukoll ħassret xi titjiriet minn Malta li kkawżaw kaos sħiħ għal dawk kollha li kienu se jsiefru.

Il-linja tal-ivvjaġġar Lufthansa kellha nuqqas ta’ ajruplani u membri tal-ekwipaġġ u ħinijiet limitati fejn topera l-estensjoni massiva ta’ titjitiet skedati.