181 għalliem Għawdxi jaħdmu f’Malta

Read in English.

Statistika ppubblikata fil-Parlament turi li f’Malta hemm 181 għalliem Għawdxi jaħdmu f’Malta. L-istatistika ntalbet mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said fejn staqsa wkoll għall-etajiet tagħhom u kemm ilhom snin jaħdmu f’Malta. Fl-2019 kien hemm l-aktar għalliema Għawdxin jaħdmu f’Malta.

Fir-risposta tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-akbar għadd ta’ għalliema Għawdxin f’Malta qed jgħallmu fil-Mosta (27), f’Pembroke (19), il-Ħamrun (16) u Birkirkara (15).

Mit-tabelli li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra jidher li l-maġġoranza tal-għalliema Għawdxin f’Malta huma żgħażagħ. Fil-fatt hemm 161 għalliem li jfissru 89% tal-għalliema Għawdxin f’Malta.

Żewġ terzi ta’ dawn l-għalliema (119) ilhom inqas minn ħames snin jgħallmu f’Malta filwaqt li 29% ilhom bejn 6 u 10 snin jgħallmu f’Malta. 9 għalliema ilhom 11-il sena jew aktar jaħdmu f’Malta.