Twaqqaf grupp bl-isem Invisible Hands Malta li jikkonsisti minn 180 voluntier li qegħdin jaraw kif jagħmlu biex jgħinu lill-komunità fi żmien il-coronavirus, pereżempju billi jagħmlu x-xiri għal dawk li ma jistgħux joħorġu minn djarhom u jħalluhulhom wara l-bieb.
Il-grupp twaqqaf minn sitt barranin li joqogħdu f’Malta, li spjegaw li l-grupp semmewh “Idejn Inviżibbli” għax sfortunatament, hekk għandhom ikunu, inviżibbli, peress li m’għandux ikun hemm kuntatt dirett meta huma jwasslu x-xirjiet wara bieb dawk li jkollhom bżonn: l-anzjani, il-vulnerabbli, nies li qegħdin kwarantina.
Qalu li ħassew il-ħtieġa li jroddu xi ħaġa lura lill-komunità Maltija li laqgħethom.
Mara li użat dan is-servizz baqgħet mistagħġba li f’temp ta’ sagħtejn, kellha x-xirja wara l-bieb.
Huma joperaw minn fuq is-sit elettroniku tagħhom, fejn min ikollu bżonn l-għajnuna jirreġistra u jiġi assenjat voluntier biex jagħmillu l-qadi meħtieġ. Għal min mhuwiex daqshekk familjari mal-internet, inħoloq dan in-numru tat-telefown: 21669169.