180 student itemmu b’suċċess il-kors fl-ALP

180 student temmew l-istudji fil-korsijiet rispettivi tagħhom fil-programm tal-Programm Edukattiv Alternattiv (ALP).
Waqt iċ-ċerimonja li saret  fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, spjega li l-iskop tal-ALP hu li jiżviluppa l-ħiliet ta’ tfal li għandhom ħiliet differenti u lesti jitgħallmu b’modi differenti.
“Minflok noqogħdu ngħidu li hemm tfal li mhumiex tajbin għall-iskola, irridu nagħmlu skejjel tajbin għat-tfal u nippruvaw nilħquhom b’mod differenti”, kompla jgħid.
Il-programmi jipprovdu opportunità alternattiva lill-istudenti biex jilħqu l-ħiliet tagħhom fit-tagħlim vokazzjonali li japplika fl-istess livell u kwalità ta’ programmi oħra.
Fl-aħħar tal-kors, l-istudenti tal-ALP għandhom l-opportunità li jirreġistraw f’istituzzjonijiet postsekondarji bħall-MCAST kif ukoll l-ITS, jew ikomplu fid-dinja tax-xogħol.
L-istudenti kellhom taħriġ f’oqsma differenti, kif ukoll fuq il-post tax-xogħol b’mod prattiku, biex jiksbu esperjenza li ma tiġix mgħallma fil-klassi.
26 student ħadu sehem fi proġetti tal-Erasmus +, u akkwistaw esperjenza siewja u pożittiva barra minn Malta. Dawn il-proġetti jikkumplimentaw il-ħtiġijiet tal-istudenti, filwaqt li jagħtu opportunità lill-istudenti, lill-għalliema u lill-ġenituri biex isaħħu l-ħiliet tagħhom, u jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi kreattivi ma’ dawk barranin.
Il-workshops kollha fl-ALP qed jiġu aġġornati kontinwament b’tagħmir u b’għodda ġdida biex jibqgħu miżmuma tajjeb strutturalment.
L-ALP tnieda fl-2013 bil-għan li joffri xi ħaġa differenti f’termini ta’ edukazzjoni vokazzjonali applikata lill-istudenti tas-sekondarja.