180 immigrant salvati mill-Guardia Costiera se jiddaħħlu f’Malta; AFM ma tikkonfermax

Read in English.

Kelliem għall-Forzi Armati llejla ma kkonfermatx rapporti li jgħidu li 180 immigrant li ġew salvati mill-gwardja tal-kosta Taljana dalgħodu kienu se jiddaħħlu f’Malta llejla.

Stqarrija għall-Istampa mill-Guardia Costiera tgħid li ċ-ċentru operattiv tal-Guardia Costiera mill-Ruma ġie notifikat li kien hemm dgħajsa f’diffikultà b’180 immigrant fuqha mal-35 mill nawtiku fil-lbiċ ta’ Lampedusa iżda fiż-żona tat-tfittix u salvataġġ Maltija.

Iċ-ċentru Taljan ta’ koordinament f’Ruma nforma minnufih l-awtoritajiet Maltin biex jieħdu f’idejhom l-operazzjoni ta’ salvataġġ.

It-Taljani bagħtu żewġ vapuri qrib id-dgħajsa tal-immigranti li kienet f’sitwazzjoni prekarja f’periklu mminenti li tegħreq u għalhekk l-immigranti ttelgħu abbord id-dgħajjes Taljani.

Il-Guardia Costiera qalet li l-vapuri Taljani insabu fi triqthom lejn Malta waqt li qed jistennew kommunikazzjoni mill-awtoritajiet Maltin fejn għandhom iniżżlu l-immigranti.