18-il xahar ħabs talli nstab ħati ta’ serq

Read in English.

Raġel ta’ 42 sena ntbagħat 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati b’serq. Teimuraz Datashvilli mill-Georgia u li jgħix San Ġwann instab ħati li daħal jisraq minn ħanut f’San Ġwann minn fejn seraq €200 fi flus kontanti u €250 f’top-up cards tal-kreditu tal-mobile.

Ir-raġel ġie akkużat b’serq aggravat u li kkawża ħsarat fuq propjetà ta’ terzi parti. Il-każ seħħ kmieni filgħodu nhar is-7 ta’ Ottubru tal-2018.

L-impjegati tal-ħanut, malli kienu qed jiftħu l-ħanut filgħodu sabu liżar mal-art u  l-kexxun tal-cash register nieqes. Kien hemm ukoll indikazzjonijiet li xi ħadd daħal jisraq mill-ħanut. Wieħed mill-ħaddiema għaraf lir-raġel mill-filmati tas-CCTV hekk kif hu kien klijent regolari tal-ħanut. Hi kienet xhedet tgħid li kien jidher iwettaq is-serqa u jidħol fil-ħanut permezz tal-użu ta’ ħadida.

Datashvilli kien jgħix viċin ħafna ta’ ħanut li kien klijent regolari tiegħu. Il-ħaddiema stess kienu infurmaw lill-pulizija li rawh iħuf viċin il-ħanut jumejn wara l-każ. Ir-raġel kien diġà fuq Tal-Linja meta waslu l-Pulizija madanakollu din twaqqfet ftit wara u r-raġel ġie arrestat.

Hu u jitkellem mal-Pulizija, Datashvilli qal li xi drabi kien jisraq xi oġġetti mill-ħanut imma kien jagħmel hekk għax l-impjegati kienu jġiegħluh iħallas iktar milli suppost. Hu qal li ma kienx hu li daħal jisraq mill-ħanut.

Martu li xehdet fil-Qorti kienet qalet li f’Ottubru tal-2018 kienet tgħix fl-istess residenza mar-raġel tagħha. Qalet li huma ta’ kuljum kienu jixtru l-bżonnijiet tagħhom minn dan il-ħanut. Hi qalet li fil-lejl meta seħħet is-serqa, hi u r-raġel tagħha kienu d-dar, reqdin fl-istess sodda.

Il-mara tkellmet fil-Qorti u qalet li għall-ħabta tas-1am, kien hemm raġel ħabib tal-familja li ħabbtilhom il-bieb tad-dar għal tazza ilma. Qalet li hi tagħtu l-ilma u reġgħet marret lura fis-sodda. Qalet li r-raġel li jidher fil-filmat tas-CCTV huwa r-raġel li kien mar jitlobha l-ilma. Hi kienet ġieli ltaqgħet miegħu fil-Knisja.

Fil-kontro-eżami ħareġ li l-mara kienet qalet lill-Pulizija li hi ma għadhiex f’relazzjoni mal-akkużat. Madanakollu aktar tard ħareġ li dan mhux minnu. Hi qalet ukoll li ma kinitx marret mill-ewwel l-istazzjoni tal-Pulizija sabiex tiġi interrogata għax xtaqet issir taf x’għamel ir-raġel tagħha qabel.

Datashvilli qal li hu kien rieqed meta seħħ il-każ. Spjega li kien klijent regolari tal-ħanut u li kien jitħalla jieħu prodotti u jħallas aktar tard. Dan ikkuntrasta ma’ dak li kien qal lill-Pulizija aktar kmieni. Hu qal li r-raġel li jidher fuq il-filmati tas-CCTV ma kienx hu imma kien raġel ieħor mill-Georgia li allegatament ġie arrestat wara li nqabad ibigħ it-top-up cards tal-kreditu tal-Vodafone u tal-Go Mobile. Datashvilli qal li kien iltaqa’ mar-raġel fil-lock-up tal-Pulizija. Hu qal li lir-raġel kien jafu minn wiċċu.

Uffiċjal tal-Pulizija li xehed fil-Qorti qal li raġel ieħor mill-Georgia nżamm fil-lock up fl-istess żmien li kien qed jinżamm Datashvilli, madanakollu dan kien għax kien qed jgħix Malta mingħajr id-dokumenti neċessarji.

Il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ikkundannat lir-raġel għal 18-il xahar ħabs u ordnatlu jħallas €1,046.32 lil sid il-ħanut. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tax-xhieda li ngħataw minn Datashvilli u martu jintbagħtu lill-Kummissarju għall-Pulizija għal aktar investigazzjoni sabiex jinstab jekk dawn gidbux taħt ġurament.

Ir-raġel se jintbagħat lura pajjiżu malli jiskonta s-sentenza.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Matthew Spagnol.