​18-il skola tal-Gvern m’għandhomx first aider uffiċjali

18-il skola tal-Gvern m'għandhomx first aider uffiċjali.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba għal numru ta’ mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech dwar l-ewwel għajnuna fl-iskejjel.
Il-Kulleġġ ta’ Santa Margerita jirriżulta li huwa l-iktar kulleġġ fejn hemm skejjel li m'għandhomx first aider uffiċjali, hekk kif skont l-istatistika ppubblikata fil-Parlament hemm ħames skejjel f’dan il-kulleġġ bla first aider. Dan hu segwit mill-kulleġġ ta’ Għawdex b’erba’ skejjel.
F'erba’ kulleġġi, il-Kulleġġ ta’ San Ġorġ Preca, il-Kulleġġ San Tumas Moore, il-Kulleġġ San Nikola  u l-Kulleġġ San Benedittu, l-iskejjel kolla għandhom mill-anqas first aider uffiċċjali.
Il-Ministru qal li minbarra l-first aiders uffiċjali, magħtul is-sena li għaddiet kien hemm 69 għalliem li ngħataw it-taħriġ fl-ewwel għajnuna. Barra minn hekk kien hemm ukoll 547 student li ngħataw l-istess taħriġ.
L-istatistika ppubblikata mill-Ministru għall-Edukazzjoni turi li l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendneti kollha għandhom mill-anqas first aider wieħed. L-iskejjel tal-Knisja għandhom bejniethom 48 first aider, bil-medja tkun ta’ bejn wieħed jew tnejn kull skola. L-iskejjel indipendenti għandhom bejniethom 157 first aider b’medja ta’ kważi 16-il first aider kull skola.
Intant, fi tweġiba separata, il-Ministru Bartolo qal li 53 skola tal-Gvern u u 36 skola tal-Knisja jew indipendneti għandhom defibrillator kif ukoll nies imħarrġa biex jużawh.