Filmat: 18-il sena ma jqerr: isir qassis

It-telfa ta’ ommi kienet daqqa kbira – Dun David Borg

Madwar disa’ snin ilu, David Borg, reġa’ mar iqerr wara 18-il sena. Dan kien il-mument fejn ħass b’mod qawwi s-sejħa biex isir saċerdot.

Dun David Borg, li nhar it-Tnejn se jiġi ordnat saċerdot flimkien ma’ disa’ djakni oħra, waqt intervista fuq 103 – Malta’s heart, qal li kien dam 18-il sena ma jmur iqerr, “ġurnata wara ġurnata, ġimgħa wara ġimgħa, sakemm saru xhur u snin.”

“Bdejt insibha bi tqila. Kemm-il darba mort fil-kju biex inqerr imma kien pass tqil, l-ixkora dejjem aktar timtela u titqal; ma jkollokx affarijiet ta’ barra minn hawn imma l-piż tibda tħossu.” L-isforz dejjem kien ikun akbar. Meta sab il-kuraġġ li jqerr Dun David stqarr li beda ħajja ġdida u ġab ħafna ferħ fih.

Fl-intervista ma’ 103 – Malta’s heart Dun David jitkellem dwar il-vjaġġ li għamel sakemm kellu l-kuraġġ jgħid lit-tfajla tiegħu li hemm ix-xewqa li jibda t-triq għas-saċerdozju u kif matul dan iż-żmien tilef lil ommu.

“L-arti minn dejjem kienet parti minni, u bżajt li s-seminarju kien se jġegħelni npoġġi kollox fuq l-ixkaffa.” Dun David skopra li s-sejħa għas-saċerdozju u s-seminarju tawh l-opportunità sabiex jiskopri mill-ġdid l-arti tiegħu u kif l-arti hi għalih tieqa fuq l-infinit u s-sbuħija ta’ Alla.

Is-Seminarju wrieh li l-arti hi don fil-bagalja tiegħu. “Minn hemm twelidt mill-ġdid bħala artist. L-arti daħlet fil-ħajja spiritwali tiegħi u saret bħal tieqa fuq l-Infinit. Ma baqgħetx aktar dwari u dwar dak li nista’ nipproduċi jien, imma għajxien ta’ ħajja!” Din bidlitlu l-viżjoni tiegħu ta’ Alla, tiegħu nnifsu u tad-dinja ta’ madwaru. Għal Dun David l-arti “Saret komunikazzjoni mas-Sbuħija li serqitli qalbi.”

10 saċerdoti ġodda

Nhar it-Tnejn, 29 ta’ Ġunju, Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal il-Ġdid, fis-6:30 p.m, se ssir l-Ordinazzjoni ta’ 10 saċerdoti ġodda. Dawn huma: