18-il post ‘l isfel fil-klassifika dwar il-libertà tal-midja

Malta niżlet 18-il post f’sena waħda f’dak li għandu x’jaqsam ma’ libertà tal-midja.
Il-World Press Freedom Index ilu jsir mir-Reporters Without Boders (RSF) sa mill-2002, u fil-klassifika tal-2018 Malta ġiet fil-65 post, wara li s-sena l-oħra kienet ġiet fis-47 post.
Fid-deskrizzjoni li tat l-organizzazzjoni dwar Malta, semmiet il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ġiet deskritta bħala “ġurnalista ta’ kontra l-korruzzjoni, li indirettament ikkawżat elezzjoni bikrija”.
Jissemmew ukoll il-libelli li kellha, fosthom l-hekk magħrufa bħala SLAPP, liema suġġett kien diskuss fil-Parlament Malti, u riċentement  6 partiti politiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew talbu biex ikun hemm reġistru tal-kumpaniji li jużaw dawn it-tattiċi.
Intqal li l-Indiċi msensel mill-RSF jirrifletti mibegħda akbar lejn il-ġurnalisti, ostilità lejn il-midja minn politiċi li jinkuraġġuha fil-miftuħ, kif ukoll il-viżjoni ta’ reġimi awtoritarji tal-libertà tal-kelma.
Isemmu eżempji konkreti, ngħidu aħna meta l-President tar-Repubblika Ċeka, Milos Zeman, ħareġ Kalashnikov taparsi waqt konferenza tal-aħbarijiet bil-kliem “lill-ġurnalisti” miktuba fuqu, inkella meta l-eks-Prim Ministru Slovakk, Robert Fico, sejjaħ lill-ġurnalisti “prostituti maħmuġin ta’ kontra s-Slovakkja”.
Il-ġurnalist Slovakk, Jan Kuciak, inqatel flimkien mat-tfajla tiegħu fi Frar li għadda, meta kien qed jindaga r-relazzjoni bejn uffiċjali għolja tal-Gvern u l-mafja Taljana ‘Ndrangheta.
Anki l-President Amerikan, Donald Trump, kien iddeskriva lill-ġurnalisti bl-istess mod li kien jiddesrivihom Joseph Stalin, id-dittatur tal-Unjoni Sovjetika bejn l-1929 u l-1953.
Instab ukoll li fl-Ewropa, ir-reġjun li fih il-libertà tal-midja hi l-aktar sigura, l-indikaturi tbaxxew.
Fil-fatt ma’ Malta jissemmew ir-Repubblika Ċeka li waqgħet 11-il post, u s-Serbja u s-Slovakkja li waqgħu 10 postijiet mis-sena ta’ qabel.
B’dil-pożizzjoni, Malta tinsab taħt il-Malawi u fuq El Salvador.
Fl-ewwel post hemm in-Norveġja, fl-aħħar il-Korea ta’ Fuq.
Il-grad ta’ kemm hemm libertà tal-kelma fil-pajjiżi jitkejjel billi jiġu analizzati t-tweġibiet tal-ġurnalisti fi kwestjonarju li jsir mill-RSF stess.
L-analiżi kwalitattiva tissieħeb ma’ dejta kwantitattiva dwar abbużi u atti vjolenti fuq ġurnalisti tul il-perjodu li jkun.
Il-mistoqsijiet ikunu jduru mal-pluraliżmu, l-indipendenza tal-midja, l-ambjent tal-midja u ċ-ċensura, mal-qafas leġiżlattiv, it-trasparenza u l-istrutturi li jissapportjaw il-produzzjoni tal-aħbarijiet u l-informazzjoni.