18-il persuna jinqabdu f’festin f’Baħar iċ-Ċagħaq; 5 arrestati

Read in English.

18-il persuna nqabdu jattendu festin f’post pubbliku fil-White Rocks f’Baħar iċ-Ċagħaq b’ħamsa minnhom baqgħu jinżammu arrestat għax instbet fuqhom droga.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-informazzjoni dwar il-festin waslet għandhom għall-ħabta tat-3.30am. Dan wara li xi persuni raw diversi vetturi pparkjati fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Uffiċjali mill-Għassa ta’ San Ġiljan marru fuq il-post u nnutaw mużika tinstema’ minn ġo xi kmamar li hemm fuq il-post.

Il-Pulizija daħlu ġewwa u hemm sabu 18-il persuna, l-organizzatur tal-festin, DJ u 16-il persuna oħra. Il-Pulizija għamlu tfittxijiet fuq il-persuni u fil-kmamar fejn kienu. Hemm instab basket li kien fih borża b’pilloli suspettata droga ecstasy, kif ukoll miżien u xafra moħbija fuq raġel ta’ 25 sena. Instabet ukoll droga suspettata kannabis fuq mara ta’ 36 sena.

Il-Pulizija kellha suspett li kien hemm iżjed droga moħbija u b’hekk issejħu fuq il-post membri tas-Sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija fejn minn tfittxijiet li saru nstabet iżjed droga suspettata ħaxixa tal-kannabis, raża tal-kannabis u bott bi traċċi ta’ droga suspettata kokaina.

Il-persuni kollha ttieħdu fl-Għassa ta’ San Ġiljan għal aktar investigazzjonijiet fejn saru aktar tfittxijiet fuqhom. Waqt dawn it-tfittxijiet, fuq tliet irġiel ta’ 26, 28 u 31 sena rispettivament, instabet droga suspettata kannabis.

Il-persuni li nsabet id-droga fuqhom qed jinżammu taħt arrest, filwaqt li l-persuni l-oħra ġew infurmati li se jkunu qed jiġu mħarrka b’rabta ma’ ksur ta’ avviżi legali.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Audrey Demicoli, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Intant dalgħodu l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri appella sabiex ħadd ma jieħu l-liġi b’idejh u kulħadd jieħu ħsieb lil xulxin.