18-il operatur ġdid tat-trasport tal-iskejjel

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li 18-il operatur tat-trasport tal-iskejjel ġdid żdied mas-57 li kien hemm qabel sabiex l-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti jibda jkollhom trasport b’xejn.

Dan tħabbar fi stqarrija fejn il-Ministeru sostna li dan jikkonferma l-impenn tiegħu biex kemm jista’ jkun aktar studenti li jattendu l-iskejjel tal-Knisja u indipendenti, li għadhom ma sabux trasport ikunu jistgħu jinqdew ukoll.

Madanakollu, 75 operatur jidher li mhux biżżejjed biex jilħaq id-domanda kollha għal dan is-servizz u għalhekk il-Ministeru se jibqa’ jaħdem sabiex isib aktar operaturi u jinqeda kemm jista’ jkun kulħadd.

Il-ftehim li qed jiġi ffirmat bejn il-Gvern u dawn l-operaturi huwa għal ħames snin. Se jkunu qed jinġarru madwar 42,000 tifel u tifla. Dr Frank Fabri, is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni qal li fis-settur statali bħalissa jinġarru 12,300 tifel u tifla, u hi mistennija żieda gradwali ta’ 4000 student ieħor magħhom. Fis-settur non-statali jinġarru madwar 11,300 tifel u tifla, bil-possibbiltà ta’ żieda gradwali ta’ 10,000 student ieħor magħhom.