18-il lukanda mistennija jżidu s-sulari jew ikabbru

18-il lukanda huma mistennija jkabbru l-operat tagħhom b’investiment ta’ €100 miljun f’erba’ snin.
Lukanda minnhom hi ta’ 4 stilel “li għad trid tinbena” f’Marsalforn, f’Għawdex, waqt li proġett ieħor hu marbut ma’ appartamenti li jintużaw għall-akkomodazzjoni.
Applikazzjonijiet oħra kienu jittrattaw boutique hotels.
Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
Skont rapport tal-Bank Ċentrali, dan se jwassal f’żieda fl-impjiegi bir-rata ta’ 0.4% u tkabbir ekonomiku li jkun ifisser 0.3% tal-prodott gross domestiku.
Fisser kif taħt l-ewwel politika, kienet ġiet approvata applikazzjoni waħda f’Ottubru tal-2013, iżda mbagħad ġew approvati 9 proposti oħra taħt it-tieni politika, li waslu għand il-Gvern bejn Settembru u Ottubru li għadda. Dawn ġew approvati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u mill-MEPA fl-istess perjodu.
Il-Ministru qal li għalhekk, f’dan l-istadju, “qed ikun imbassar li se jkun hemm 18-il lukanda li se jkabbru l-operat tagħhom”.