18-il Knisja li ngħalqu fl-Amerika jistgħu jinbiegħu

L-Arċidjoċesi ta’ New York, li f’dawn l-aħħar sentejn għalqet 18-il knisja filwaqt li kkonsolidat 140 parroċċa oħra, issa jistgħu jintużaw għal skopijiet oħra u wħud minnhom jistgħu wkoll jinbiegħu.
Id-deċiżjoni li dawn il-knejjes ma jibqgħux ikkonsagrati u allura jistgħu jintużaw għal skopijiet sekulari tħabbret fuq is-sit elettroniku tal-arċidjoċesi. 
Din ġiebet reazzjoni minn żewġ esperti tal-liġi kanonika li qalu li qatt ma jafu li kien hemm daqstant knejjes li f’ġurnata waħda ma baqgħux ikkonsagrati.
Kelliem għall-kurja qal li wħud minn dawn il-knejjes jistgħu jibdew jintużaw għal skopijiet oħra mill-Knisja stess. Oħrajn jistgħu jinbiegħu jew jinkrew.
Għaxra minn dawn il-knejjes jinsabu fid-distrett ta’ Manhattan, tnejn f’Westchester, tnejn f’Dutchess County, tnejn fil-Bronx u waħda f’Sullivan County.
Ħafna parruċċani wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom għal din id-deċiżjoni u appellaw lill-arċidjoċesi biex tqis mill-ġdid din id-deċiżjoni.  Uħud saħansitra qed jikkunsidraw li jingħataw l-protesti tagħhom lill-Vatikan. 
Ħafna qed isostnu li din id-deċiżjoni ttieħedet biex il-knisja ddaħħal kemxa flus sew mill-bejgħ tagħhom.
Min-naħa tagħha l-arċidjoċesi ta’ New York qed issostni li d-deċiżjoni kienet immotivata prinċipalment minn raġunijiet demografiċi.  In-nies iċċaqalqu minn fejn kienu joqogħodu u n-numru ta’ vokazzjonijiet naqas.  Għalhekk kien hemm bżonn li jissaħħu parroċċi kbar li jistgħu jaqdu lil dawk ta’ madwarhom fejn ingħalqu l-knejjes.
Il-Kurja qalet li jekk xi knejjes jinbiegħu, il-flus imorru għand il-parroċċi fejn jinsabu, filwaqt li parti mill-flus tmur għand il-Kurja biex tgħin parroċċi aktar foqra, skejjel u persuni vulnerabbli jew fil-bżonn.