18-il għaqda joġġezzjonaw għal bidliet fil-liġi tas-social work

18-il għaqda mhux governattiva qed joġġezzjonaw għal bidliet li l-Gvern ressaq fil-Parlament għal-liġi tas-social work.
Qed joġġezzjonaw b’mod partikolari għal klawsola li tgħid li biex social worker li jkun għadu kif iggradwa mill-Università jingħata warrant, irid jaħdem numru ta’ snin ma’ aġenzija tal-Gvern.
L-għaqdiet qed jgħidu li jekk social workers ikunu marbuta li jridu jaħdmu l-ewwel mal-Gvern biex jingħataw il-warrant, huma se jsibuha diffiċli jsibu ħaddiema kkwalifikati għax mhux lakemm li ħaddiem jitlaq xogħol mal-Gvern biex imur jaħdem ma’ għaqda li tiddependi fuq il-ġbir tal-fondi.
Dan ikun ifisser ukoll, spjegaw, li s-servizzi tant utli li joffru huma jispiċċaw jonqsu fil-kwalità minħabba li ma jkunux jistgħu jimpjegaw iktar ħaddiema professjonali.
L-għaqdiet saħqu li din il-bidla tagħlaq il-possibiltà wkoll lil sorijiet u qassisin li jiksbu degree fis-social work, milli jaħdmu fl-ordni tagħhom stess.
Għalhekk appellaw lill-Gvern biex jikkonsulta mas-settur u mal-professjonisti u jemenda l-Emendi li qed iressaq.
Anke l-assoċjazzjoni Maltija tas-social workers talbet lill-Gvern iwaqqaf id-diskussjoni fil-Parlament u jikkonsulta magħha u mal-ħaddiema li tirrappreżenta. Qed tinsisti li s-snin t’esperjenza qabel warrant huma importanti imma m’għandhomx ikunu bilfors f’entità tal-Gvern. 
It-18-il għaqda huma: Aditus, Anti-Poverty Forum Malta (APF), l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, Jesuit Refugee Services (JRS), Fondazzjoni Dar Merħba Bik, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Hospice Malta, Inspire, Migrant Women Association Malta, Platform for Human Rights Organisations Malta, Fondazzjoni Richmond, Fondazzjoni St Jeanne Antide, Dar San Ġużepp MSSP, Salesians of Don Bosco, Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, SOS Malta, Sorijiet tal-Ursolini, Victim Support Malta.
Il-PN jgħid li l-Gvern iwebbes rasu
Il-PN, fi stqarrija, qal li r-reazzjoni tal-professjonisti turi li l-Gvern għandu ras iebsa u li hu kompletament l-oppost ta' Gvern li jikkonsulta u jisma'. 
Il-PN qal li ma jistax jaqbel mal-Gvern b'din li sejjaħ "miżura diskriminatorja" li tillimita lis-social worker u tagħti daqqa ta' ħarta lill-għaqdiet.