“17Black: Il-Gvern qed jilgħab għaż-żmien” – Asciak

L-eks membru parlamentari Nazzjonalista Michael Asciak qal li fil-kwistjoni tal-kumpanija 17Black, il-Gvern qed jilgħab għaż-żmien. Min-naħa l-oħra l-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Josef Caruana qal li kull darba li l-PN ma jogħbuhx ir-regoli tal-logħba, dejjem jċaqlaq il-lasta.

Meta ħadu sehem fil-programm Newsline fuq RTK103FM ippreżentat minn Sylvana Debono, iż-żewġ kelliema kellhom punti diverġenti dwar is-17Black.

Michael Asciak tal-Partit Nazzjonalista sostna li issa li hemm rabta ċara bejn il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, d-diċenza f’demokrazija tal-punent titlob minnhom li jirriżenjaw.

Qal li jiskanta kif wara li l-PM qal li huwa jirriżenja jekk jinstab li huwa personalment implikat, mhux qed juża l-istess kejl ma’ Mizzi u Schembri għax mhux qed iġiegħlhom jirriżenjaw. Michael Asciak sostna li issa m’għadhiex kwistjoni ta’ perċezzjoni pubblika għax hemm rabta ċara.

Dwar l-allegazzjonijiet li ħarġu dwar David Casa, il-kelliem Nazzjonalista qal li dan ma jistax jitkeċċa għax dawn huma allegazzjonijiet.

“Il-PN bil-logħba tal-Mickey Mouse” – Josef Caruana

Fil-programm Newsline ħa sehem ukoll Josef Caruana għall-Partit Laburista, li sostna li bħal dejjem, il-PN baqa’ jilgħab il-“logħba antika tal-Mickey Mouse” fejn iċaqlaq il-lasti jekk ma jogħbux ir-riżultat tal-logħba.

Caruana saħaq li l-PL dejjem mexa skont id-deċiżjonijiet tal-Qorti anke fil-każijiet tal-eks Ministru Manwel Mallia.

Żied jgħid li kien il-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu li għolla l-livell ta’ imġieba politika nadifa, fejn iddaħħlu diversi miżuri li jwasslu għal rispett lejn id-demokrazija.

Meta tkellem dwar il-każ tal-Pilatus Bank, Josepf Caruana qal li l-ġurnalist m’għandux dritt jistaqsi lil xi ħadd x’fiha l-bagalja li qed iġorr. Semma kif f’Malta hawn il-liġi tad-dritt għax il-ħidma tal-istituzzjonijiet tkun għaddejja l-ħin kollu.