177 ħaddiem tal-kuntrattur fl-Isptar ta’ Għawdex – Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal fil-Parlament kif fil-preżent hemm total ta’ 177 ħaddiem tal-kuntrattur ingaġġati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Hu qal dan hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Chris Said. Said staqsa lil Fearne biex jgħid meta ġew ingaġġati l-ħaddiema tal-kuntrattur, kemm hemm minnhom, x’tip ta’ xogħol jagħmlu, kemm minnhom huma barranin u biex jagħti lista xahar b’xahar li turi kemm ġew impjegati ħaddiema tal-kuntrattur mit-8 ta’ Marzu tal-2013 s’issa.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Fearne qal li l-aħħar li kienu impjegat ħaddiema tal-kuntrattur fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien f’Novembru ta’ din is-sena, u b’kollox kienu ngaġġati sebgħa. Qal li bħalissa, b’kollox hemm 177 ħaddiema tal-kuntrattur li qed jaħdmu f’dan l-Isptar u li 21 minnhom huma barranin. Dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol ta’ carers, clerks u cleaners.

Fl-aħħar ġimgħat is-suġġett dwar il-ħaddiema tal-kuntrattur u l-impjegati tal-gvern fi stennija li jintbagħtu jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. L-Assoċjazzjoni għall-Ħaddiema Għawdxin f’Malta (AGEM) kienet qalet li l-ewwel għandhom jingħataw ix-xogħol f’Għawdex dawk l-infermiera Għawdxin li qed ikollhom jinżlu jaħdmu Malta.

L-Assoċjazzjoni kienet irċeviet numru konsiderevoli ta’ lmenti mingħand infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta dwar ingaġġ ta’ infermiera barranin fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mill-Kumpanija Steward Healthcare. L-Assoċjazzjoni qalet li din id-deċiżjoni se tħalli impatt negattiv fuq id-diversi infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta u li l-ħolma tagħhom dejjem kienet li jservu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) kienet se tieħu azzjoni industrijali kontra Steward Healthcare peress li l-kumpanija trid timpjega infermiera barranin fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta hemm infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti fl-isptar ta’ Għawdex.

Intant, il-kumpanija Steward Health Care Malta kienet rrikorriet għall-Qorti biex twaqqaf l-azzjoni industrijali ordnata mill-unjin tal-infermiera f’Għawdex. Fi stqarrija Steward qalet li lbieraħ filgħodu talbet għal prohibitory injunction kontra l-azzjoni tal-MUMN. Steward qalet li l-Qorti laqgħet it-talba tagħha b’mod proviżjorju. Il-każ mistenni jinstema’ dan ix-xahar.

Intant, ix-xahar li għadda tħabbar li l-ħaddiema ta’ Steward Health Care se jibdew igawdu mill-istess drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-impjegati tas-settur pubbliku, bis-saħħa ta’ ftehim li ntlaħaq mal-UĦM – Voice of the Workers.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, kien iddeskriva dan l-iżvilupp bħala rebħa, mhux biss għall-unjin u għall-ħaddiema, iżda wkoll għal dawk kollha li jemmnu fil-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs. “Dan il-ftehim ifisser rebħa kontra l-prekarjat li fl-aħħar snin kien wassal biex ħaddiema ta’ Steward kienu qed jitħallsu eluf inqas fis-sena mill-kollegi tagħhom fuq il-kotba tal-Ministeru tas-Saħħa minkejja li kienu jagħmlu l-istess xogħol,” hu sostna.