17,500 tesserat Laburista se jivvutaw għal Mexxej ġdid

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Partit Laburista ħabbar it-total ta’ voti li se jkunu eleġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni għal Mexxej Laburista. Se jkunu 17,500, il-persuni li jivvotaw minn għada l-Erbgħa għal dawk li ma jistgħux fil-ġurnata tal-elezzjoni li se ssir is-Sibt li ġej.

Dawn id-dettalji ngħataw f’Konferenza Ġenerali Straordinarja fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun li matulha ngħata rendikont tal-proċess li se jwassal għall-ħatra ta’ Mexxej tal-Partit Laburista ġdid.

Ic-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali Dean Hili spjega kif il-proċess elettorali li mxiet bih il-Kummissjoni Elettorali huwa proċess trasparenti li jilħaq il-qofol tiegħu nhar il-Ħadd li ġej b’Mexxej tal-Partit Laburista ġdid.  Spjega kif kull pass sar bi ftehim mal-aġenti tal-kandidati.

L-istess konferenza tat vot ta’ ringrazzjament lil Joseph Muscat, għall-ħidma tiegħu fl-aħħar ħdax il-sena fit-tmexxija tal-Partit Laburista.

Il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef temm b’appell biex nhar il-Ħadd il-Partit Laburista jibqa’ partit wieħed magħqud.