17,000 student se jibdew sena skolastika ġdida fl-iskejjel tal-Knisja

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

Read in English.

Madwar 17,000 student se jkunu qed jibdew sena skolastika ġdida fl-iskejjel tal-Knisja.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ltaqa’ mal-edukaturi l-ġodda fl-iskejjel tal-Knisja. Dan waqt seminar organizzat mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija. Mal-istudenti, 2,500 edukatur se jkunu qed jibdew is-sena skolastika. L-istudenti se jkunu qed jattendu f’waħda mis-60 skola fil-livelli kindergarten, primarju, sekondarju u s-sitt sena post-sekondarja.

L-Isqof irringrazzja lill-għalliema u stedinhom biex fis-servizz li jagħtu jgħaqqdu flimkien żewġ aspetti importanti: il-professjonalità u x-xhieda ta’ ħajja Nisranija. Tkellem dwar l-importanza li l-edukazzjoni fl-iskejjel tal-Knisja tgħin lill-istudenti biex fihom jikber impenn soċjali għall-iżvilupp ta’ soċjetà inklussiva u ġusta li hi fid-dmir li toffri wens lil min hu batut.

Matul dan is-sajf saru diversi xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni fl-iskejjel. Fl-iskola sekondarja ta’ St Joseph f’Tas-Sliema u fil-Kulleġġ ta’ Stella Maris, il-Gżira, qed isir ukoll xogħol ta’ tkabbir bil-għan li l-istudenti jkollhom spazji akbar u aktar moderni.

Minbarra r-reklutaġġ tal-għalliema, learning support educators (LSEs) u edukaturi tal-kindergarten, tkompla wkoll il-programm miftiehem ma’ Jobsplus għall-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà. F’din is-sena skolastika bdiet titħaddem ir-riforma tas-sapport tal-istudenti fl-ewwel sena kindergarten u qed tkompli r-riforma tal-Learning Outcome Framework fit-tieni sena kindergarten, fir-raba’ sena primarja u fit-tieni sena sekondarja.

Intant, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija temm il-proċess ta’ reġistrazzjoni tat-tfal fl-iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika l-ġdida, li matulu rċieva mat-3,700 applikazzjoni għal 1,585 post vakanti.