1,700 passiġġier abbord cruiseliner jinżammu kwarantina f’Singapore

Dickelbers via Wikimedia Commons

Kważi 1,700 passiġġier fuq l-hekk imsejjaħ ‘vjaġġ għal imkien’ tar-Royal Caribbean, qed jinżammu fil-kabini tagħhom wara li nstab każ ta’ COVID-19 abbord. Dan il-każ ġiegħel il-vapur Quantum of the Seas jirritorna fil-port ta’ Singapore.

Il-passiġġieri tħallew jitilgħu abbord dan il-vapur wara li għamlu t-test għall-COVID-19 u li rriżulta negattiv sa tlett ijiem qabel dan il-vjaġġ, qal il-Bord tat-Turiżmu ta’ Singapore.

Il-passiġġier infettat, raġel ta’ 83 sena, kien irrapporta liċ-ċentru mediku abbord li kellu diarrea u l-passiġġieri l-oħra ġew infurmati l-Erbgħa.

Ir-Royal Caribbean u l-awtoritajiet tal-port ta’ Singapore, talbu lil dawk abbord u lill-ekwipaġġ tal-vapur li kellhom kuntatt mill-qrib mal-passiġġier li għandu l-Covid-19 biex jagħmlu test għall-virus qabel jitħallew jinżlu, imbasta t-test ikun negattiv.

Dan isir biss wara li jintemm il-perjodu ta’ kwarantina mandatorja u jkun segwit proċess ta’ contact tracing.