Sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda 1728 persuna bbenefikaw mill-iskema tal-assistenza soċjali permezz tal-benefiċċju tat-tapering (UAT).
L-iskema tat-tapering tgħin biex persuni li jkunu qed jirċievu l-benefiċċji soċjali u jsibu xogħol, dan ma jinqatalhomx mill-ewwel iżda fuq perjodu ta’ tliet snin minn meta jibdew jaħdmu. Biex persuna tkun eliġibbli trid tkun qed tirċievi wieħed minn dawn il-benefiċċji soċjali; persuna trid tkun qed tirċievi l-benefiċċju tal-qgħad jew assistenza soċjali jew persuna li tkun ġenitur waħdu u jkun qed jirċievi l-assistenza soċjali għax ma jkunx qed jaħdem.
Permezz tal-iskema tat-tapering persuna tkun tista’ taħdem u tirċievi dawn il-benefiċċji b’ammont ridott sa tliet snin minn meta tibda taħdem. Fl-ewwel sena dawn il-persuni huma intitolati għal-65% tal-benefiċċju soċjali, fit-tieni sena 45% u fit-tielet sena 25%.
779 persuna barranija kienet qed tirċievi l-għajnuna sussidjarja għal dawk il-persuni li ma jaħdmux (SUA) sal-31 ta’ Diċembru, 2019. Filwaqt li 608 persuni kienu qed jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad (UA).
Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-mistoqsijiet parlamentari li d-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon.