Aġġornata(3): Mill-inqas 27 mejta f’attakk terroristiku mill-Al-Qaeda fil-Mali

Mill-inqas 27 persuna tilfu ħajjithom u għexieren ta' ostaġġi nħelsu hekk kif grupp ta' rġiel armati attakkaw il-lukanda Radisson Blu fil-belt kapitali ta' Bamako fil-Mali. 
Grupp ta' ġiħadisti Afrikani, affiljati mal-al-Qaeda, ħadu r-responsabiltà tal-attakk.
Uffiċjal tan-Nazzjonijiet Magħquda li daħal fil-lukanda taħt assedju qal li rnexxielu jgħodd mill-inqas 27 persuna minxura mal-art tal-lukanda. Intqal ukoll li tnejn mit-terroristi nqatlu.
Fl-aħħar ħin, il-forzi Maljani rnexxielhom jieħdu l-parti l-kbira tal-lukanda taħt idejhom u jilliberaw l-ostaġġi. Jidher li t-terroristi ġew iżolati fl-aħħar sular tal-lukanda.
Kmieni dalgħodu, ġiħadisti, bl-għajjat ta’ “Allahu Akbar”, issekwestraw madwar 140 resident fil-lukanda u 30 ħaddiem. 
Fost l-ostaġġi li nħelsu kien hemm membri tal-ekwipaġġ tal-Air France u ta' Turkish Airlines u ċittadini Indjani, Alġerini, Amerikani, Torok, Ċiniżi, Ġermaniżi u persuna mill-Guinea. Skont Reuters, it-terroristi ħelsu lil xi wħud li rnexxielhom jaqraw versi mill-Koran.
Jidher li t-terroristi, li jistgħu jkunu sa 10 persuni, użaw mill-inqas karozza waħda bi pjanċi diplomatiċi. Kienu lebsin maskra, u malli l-gwardjan tas-sigurtà tal-lukanda resaq lejhom, bdew jisparaw fuqu.
Kantant mill-Guinea, Sékouba ‘Bambino’ Diabate, li rnexxielu jaħrab mil-lukanda malli sema' l-ewwel tiri, sema' lit-terroristi jitkellmu bl-Ingliż.
Skont rapporti mill-post, il-lukanda Amerikana fil-kapitali tal-Mali tintuża ħafna mill-barranin.
In-Nazzjonijiet Magħquda u Franza bagħtu riżorsi militari.
F’Awwissu, irġiel oħra armati, fil-Mali wkoll, qatlu 13-il ruħ f’attakk ieħor fuq lukanda barranija. F’Jannar ta’ sentejn ilu, Franza intervjeniet fl-ekskolonja tagħha meta militanti tal-al-Qaeda ppruvaw jieħdu r-riedni tal-belt kapitali.