Aġġornata: 170 passiġġier tal-Air Malta allarmati b’inżul ta’ emerġenza

170 passiġġier u 6 membri tal-ewkipaġġ abbord titjira tal-Air Malta minn Ġinevra għaddew minn esperjenza insolita wara li l-ajruplan li kienu fuqu kellu jagħmel inżul ta' emerġenza fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta stess.
Sorsi qrib Newsbook.com.mt qalu li l-ajruplan żviluppatlu ħsara meta ġie biex iniżżel ir-roti.
Madankollu kelliem għall-Air Malta kkonferma ma' Newsbook.com.mt li kien allarm falz li wassal biex il-Kaptan informa lill-Ajruport biex jittieħdu l-miżuri kollha prekawzjonali.
Intant kelliem għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta kkonfermat ma' Newsbook.com.mt li membri tat-taqsima tan-Nar u s-Salvataġġ tal-Ajruport kienu mgħajjta fuq il-post biex jimmaniġjaw sitwazzjoni ta' prekawzjoni mal-inżul tat-titjira KM483.
Minkejja dan, l-ajruplan irnexxielu jinżel b'mod normali u sigur fl-Ajruport.
Fuq il-post issejħu wkoll il-Membri tal-Protezzjoni Ċivili għal kull emerġenza li setgħet tinqala'.