Aġġornata: 61 immigrant se jiddaħħlu Malta

Wieħed u sittin immigrant se jkunu qed jiddaħħlu Malta.

Fi stqarrija, il-Forzi Armati ta’ Malta qalu li tard waranofsinhar ġew infurmati li kien hemm dgħajsa f’diffikultà 71 mil nawtiku ‘l bogħod minn Malta. Patrol boat tal-FAM marret lejn iż-żona u salvat l-immigranti kollha. Il-patrol boat mistennija tidħol Malta f’nofsillejl f’Haywharf.

Akter kmieni, kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien qal ma’ Newsbook.com.mt li se tkun qed issir ħidma ta’ salvataġġ fuq dgħajsa bl-immigranti li tinsab f’diffikultà. Wieħed mill-61 persuna abbord jinsab mitluf minn sensieh.

Intant, fuq Twitter, il-Ministu għall-Intern Taljan Matteo Salvini xerred ritratti esklussivi ta’ dgħajsa tal-lasktu li kienet qed iġġorr madwar 70 persuna u li insista tinsab fl-ibħra territorjali Maltin. Salvini staqsa jekk xi ħadd hux se jkun qed jintervjeni jew jekk dawn l-immigranti hux se jintbagħtu l-Italja.

170 immigrant bejn sema u ilma; “Mhux responsabbiltà ta’ Malta”

Il-Ministru għall-Intern, Michael Farrugia qal li ċ-Ċentru għat-Tfittxija u Salvataġġ ta’ Malta (SAR) ma għandu l-ebda involviment fl-aħħar nuqqas ta’ qbil bejn Malta u l-Italja. Il-Ministru kien qed jagħti kumment lill-ġurnalista ta’ Euronews Giorgia Orlandi.

Fis-16 ta’ Awwissu, dgħajsa li fuqha kellha l-immigranti rrifjutat l-għajnuna tal-Forzi Armati ta’ Malta. Farrugia qal li l-Forzi Armati kienu avviċinaw id-dgħajsa bl-immigranti u rrispettaw id-dritt tal-ħelsien li jsalpaw fl-ibħra miftuħa. Hu qal ukoll li l-awtoritajiet Libjani staqsew dwar id-dgħajsa. Madanakollu insista li qatt ma daħlet talba għall-għajnuna.

Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani qed jgħidu li saret talba meta d-dgħajsa ltaqgħet mal-SAR ta’ Malta.

Farrugia insista li l-immigranti għandhom jitħallew jidħlu fil-portijiet Taljani, inkluż dak ta’ Lampedusa.

Skont rapporti tal-ANSA, hemm madwar 177 persuna abbord il-bastiment Taljan Diciotti li jinsab maqbud bejn Malta u Lampedusa sakemm jirċievi aktar struzzjonijiet.

Il-Ministu għall-Intern Taljan, Matteo Salvini qal li l-Gwardjani tal-Kosta Taljana wettqu ħidmiet mingħajr ma nfurmaw lill-Ministeru.